Skont studju riċenti tal-NSO jirriżulta li bħala medja kważi kwart (22%) tal-ikel li nixtru Malta jispiċċa jinħela u jintrema. L-istess studju juri li l-ħela tal-ikel jammonta għal aktar minn 55% tal-iskart domestiku li jiġi ġġenerat mid-djar Maltin. “Dan il-ħela tal-ikel li jispiċċa jintrema jeħtieġ li jiġi indirizzat mhux biss permezz ta’ kampanja pubbliċitarja imma wkoll b’qafas legali li f’pajjiżna bħalissa ser ikun qed jiġi ppreparat ħalli b’hekk tiġi indirizzata din l-isfida”, qal l-Onorevoli José Herrera, Ministru Għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil Fil-Klima.
Dawn l-aħħar xhur, f’Malta ġiet introdotta l-borża tal-iskart organiku ma’ diversi lokalitajiet, fosthom ma’ Għawdex kollu. Bil-borża organika nistgħu nnaqsu serjament l-iskart mill-ikel li jispiċċa fil- landfills u minflok dan l-iskart ikun jista’ jiġi pproċessat u minnu nipproduċu riżorsa oħra.
L-iskart iġġenerat mill-ikel huwa kontributur ewlieni ghall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-arja (GHG) u allura tat-tibdil fil-klima. Biex jonqsu dawn l-emissjonijiet, fost l-oħrajn, il-pajjiżi Membri tal-UE qed jintalbu biex sas-sena 2025 jitnaqqas l-iskart tal-ikel bi tletin fil-mija, waqt li sas-sena 2030 dan jonqos b’ħamsin fil-mija. Kull persuna huwa stmat li tiġġenera mal-180 kilo ta’ skart mill-ikel kull sena.